Youth Exchange Organised By The Nadur Youth Council

\n This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it. "> This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.

Tel: 21 558080, 21 558055

-->

Youth Exchange Organised By The Nadur Youth Council


‘Green Beyond Borders’
: Żgħażagħ Ewropej mingħajr Fruntieri


Il-Kunsill taż-Żgħażagħ tan-Nadur (Nadur Youth Council - NYC) ħadem b’impenn dan is-sajf biex jippromwovi l-għanijiet li jiffurmawh. Dan kien possibli b’mod partikulari grazzi ghall-programmi tal-Youth in Action. Din hija skema tal-Unjoni Ewropea mwaqqfa għal għaqdiet ta’ żgħażagħ Ewropej u pajjiżi ġirien bil-għan li ssaħħaħ is-sens ta’ parteċipazzjoni attiva fost ċittadini Ewropej, tqanqal solidarjata’ u tolleranza qalb il-ġenerazzjoni żagħżugħa, u tinvolvi aktar żgħażagħ fil-proċess ta’ tisħiħ tal-Unjoni Ewropea. Din l-iskema tinqasam f’ħames azzjonijiet, waħda minnhom tkun tal-Youth Exchanges li permezz tagħha l-għaqda tagħna setgħet torganizza l-exchange Green Beyond Borders.

Fi snin li għaddew, l-NYC offra diversi opportunitajiet lil numru sabiħ ta’ żgħażagħ Nadurin biex jipparteċipaw f’programmi ta’ exchanges organizzati barra minn Malta. Bl-esperjenza li wħud mill-membri tagħna kisbu b’dan il-mod, u bi spirtu t’impenn u inizzjattiva, dan il-Kunsill għażel li din is-sena nkunu aħna li nilqgħu fostna numru ta’ żgħażagħ barranin għal programm Green Beyond Borders li fassalna aħna stess.

Dan il-porgramm multilaterali, imwaqqaf bil-fondi li ngħatajna mill-Aġenzija Nazzjonali EUPA, kien miftuħ għal ħamsa u għoxrin żagħżugħ/a minn Malta, l-Ungerija, Rumanija, Polonja u t-Turkija. Ġie organizzat fuq medda ta’ ġimgħa, mill-11 sad-19 t’Awwissu. It-tema ċentrali laħqet tliet skopijiet: li nsaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ billi nsostnu l-idea taċ-ċittadinanza Ewropea; li nippromwovu l-ambjent naturali komuni u bla fruntieri filwaqt li ngħarfu aħjar l-rwol tagħna fil-konsevazzjoni tal-ambjent; u fuq kollox, li nikreaw ambjent t’edukazzjoni informali li jippermetti żgħażagħ b’opportunitajiet, kulturi, lingwi u twemmin differenti jaqsmu l-opinjonijiet u l-esperjenzi tagħhom bi spirtu ta’ tolleranza u solidarjeta’. Dawn l-għanijiet intlaħħqu b’suċċess permezz ta’ diversi attivitajiet u workshops li ppreparajna.

Il-workshops edukattivi inkludew dibattiti fuq il-kunċett tal-‘green economy’; diskussjonijiet fuq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fuq l-impenn tal-membri favur it-tisħiħ tal-ambjent; vox pop il-Belt Valletta li permezz tiegħu stajna nieħdu idea ta’ kemm il-pubbliku jħossu Ewropew u b’liema impenn qiegħed jgħin fil-pjan nazzjonali biex nipproteġu l-ambjent; kif ukoll tħawwil ta’ siġar fin-Nadur b’tifkira ta’ din l-esperjenza.

Barraminhekk, ħejjejna wkoll diversi attivitajiet li għenuna napprezzaw is-sbuħija ta’ Malta: ħarġa kulturali fiċ-Ċittadella u l-Belt; mawra sa Kemmuna; għawm fil-bajjiet tad-Dwejra, Għar Qawqla, Ħondoq, Ramla l-Ħamra; mixjiet fl-inħawi tal-Mixta u ta’ San Blas; abseiling f’Ħondoq; dawra bid-dgħajsa mir-Ramla l-Ħamra, għar-Ramla iż-Żgħira u għal Marsalforn. Ippjanajna wkoll sensiela ta’ taħdidiet minn organizzazzjoiniet non-governattivi, fosthom, GAIA (fuq il-konservazzjoni tar-Ramla), Sharklab Malta (fuq il-klieb il-baħar) u OASI (fuq l-abbuż tad-droga u l-alkoħol vis-a-vis is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ Għawdxin). Ma naqasx ukoll li niċċelebraw is-sbuħija tal-kultura u tradizzjoni Maltija fil-festa ta’ Santa Marija u fil-Wine Festival fin-Nadur.

Il-qofol tal-element multikulturali intlaħaq imbagħad fl-iljieli kulturali li kull pajjiż ħa ħsieb jorganizza billi jipprepara ikla tradizzjonali u jippreżenta ħelu, xorb, kostumi, mużika u żfin. Iċ-ċelebrazzjoni tad-diversita’ kienet waħda eċċezzjonali, l-impenn min-naħa tal-partiċpanti kien ta’ sodisfazzjon kbir, filwaqt li l-ernerġija u l-entużjażmu li lkoll kemm aħna qsamna matul din l-esperjenza kienu xhieda ċara tas-suċċess ta’ dan il-programm.

Min-naħa tal NYC, nixtiequ nirringrazzjaw lill-Kunsill Lokali Nadur tal-għajnuna kontinwa u tas-servizzi li offrulna; lill-għaqdiet governattivi MEUSAC għall-għajnuna fil-proċess tal-applikazzjoni u lill-EUPA tal-assistenza finanzjarja; lid-Dipartiment tat-Turiżmu fi ħdan il-Minsteru t’Għawdex, b’mod partikulari lis-Sur Manwel Tabone li emmen bis-sħiħ fil-proġett tagħna u li għenna b’mod materjali u finanzjarju biex noffru l-aħjar pakkett għall-parteċipanti; lid-diversi għaqdiet li aċċettaw minnufih li jikkolaboraw magħna, u lil numru ikbar ta’ sponsors għas-servizzi tagħhom.

Fuq kollox, inħeġġu lil żgħażagħ Nadurin oħrajn biex jingħaqqdu magħna u jipparteċipaw fil-programmi u l-attivitajiet li għandna ppjanati għax-xhur li ġejjin. Wara din l-esperjenza, ninsabu aktar determinati biex l-iskopijiet li għalihom dan il-Kunsill ġie mwaqqaf, inkomplu nilħquhom permezz ta’ proġetti simili. Biex dan iseħħ hemm bżonn t’iktar parteċipazzjoni. Għal aktar informazzjoni, ikkuntatjaw lill-Kunsill dirrettament u/jew żommu ruħkom aġġornati billi tagħmlu ‘like’ fuq il-facebook page tagħna. L-ideat, il-kreattivita’ u l parteċipazzjoni fi ħdan dan il-Kunsill huma tabilħaq bla fruntieri – is-sehem tiegħek ukoll hu bżonnjuż. F’idejk biex tgħinna napprezzawh.

Żuruna fuq: https://www.facebook.com/NadurYouthCouncil?fref=ts

Email: This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.

Tel: 21 558080, 21 558055

FacebookTwitterDiggDeliciousStumbleuponGoogle BookmarksRedditLinkedinMixxRSS Feed